Il-Familja Mqaddsa B
L-ISTENNIJA ATTIVA U D-DISPONIBBILTÀ
«Issa, O Sid, tista’ tħalli lill-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek…» Sabiħa l-figura ta’ Xmun. Hu mudell li jgħallimna ħafna fuq l-istennija tal-Mulej. Xmun kien jistenna, iżda dik tiegħu ma kinitx stennija passiva. Xmun kien imur fit-tempju; l-istennija tiegħu kienet talba. Għajnejh kienu mixħutin lejn il-Mulej… dak l-istess Mulej li dwaru s-salmista jgħanni: «Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet: mnejn sa tiġini l-għajnuna? L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej, li għamel is-sema u l-art.» L-istennija tiegħu, fl-istess ħin, kienet attenzjoni delikata. Ma stenniex li l-mistenni jasal b’xi mod jew b’xi aspett maħsub minn qabel. Xmun jurina bilanċ partikulari u mhux faċli bejn l-istennija attiva u d-disponibbiltà bla kundizzjonijiet biex nistagħġbu quddiem in-novità ta’ dak li ġej. Jagħtina l-Mulej li nagħrfuh u nħaddnuh meta jgħaddi f’ħajjitna.