Corpus A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-Tifkira tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu - Sena A
JIENA L-ĦOBŻ IL-ĦAJ
 
Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala l-“ħobż il-ħaj li niżel mis-sema”, u joħloq kuntrast bejnu u bejn il-ħobż li kielu l-missirijiet fid-deżert u mietu. Hawn Ġesù jidher bħala l-ħobż supersustanzjali, dak li fil-“Missierna” nirreferu għalih meta ngħidu: “Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum.” Huwa essenzjali u sustanzjali għalina li ngħixu bil-ħobż li hu Sidna Ġesù Kristu, għaliex jekk dan il-ħobż ma nikluhx ma jkollniex il-ħajja fina. Din hi l-ħajja ta’ dejjem li l-Mulej jagħtihielna fl-aħħar jum. Min jiekol dan il-ħobż mhux biss jingħaqad ma’ Ġesù u jinbidel fih, iżda jingħaqad mat-Trinità u jieħu sehem minn ħajjitha. Bħalma Ġesù jgħix b’Missieru, min jiekol lilu jgħix bih, imma din il-ħajja divina tingħata bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu. Min ma emminx kliem Ġesù tlewwem u ħaseb li l-Imgħallem ried jagħti l-ġisem materjali tiegħu għall-ikel. Fuq dan kien hemm min, saħansitra minn fost id-dixxipli, ħallieh. Aħna li nemmnu nersqu lejn l-Ewkaristija bil-fidi u d-devozzjoni biex ningħaqdu mal-Mulej u nħalluh imexxina.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content