Il-Ġisem u d-Demm Għażiż tal-Mulej - Sena A
L-EWKARISTIJA U L-KELMA LI JIDWU F'QALBNA
Dan hu l-jum li fih nerġgħu għall-essenzjal, biex nerġgħu nistqarru l-fidi tal-Knisja: aħna nemmnu fil-preżenza ta’ Kristu f’nofs il-komunità tiegħu, fis-sinjal effikaċi tal-Ewkaristija, fil-Kelma li tidwi fi qlubna.
Ikel ieħor ingħata lill-poplu fil-ħarba mill-Eġittu. Ikel li ma kellu xejn x’jaqsam mal-basal tal-Eġizzjani. Ikel mhux mistenni u misterjuż li l-poplu jagħraf li hu mogħti direttament minn Alla. Għandna bżonn nieklu. Neħtieġu l-ikel, iżda anki l-imħabba, id-dawl, il-fehma, l-hena. U dan l-ikel nieqes: kemm nies imutu bil-ġuħ spiritwali! Jintfew minn ġewwa! Jonqos l-ikel li bih inkunu nistgħu nimxu, nifhmu l-misteru l-kbir li hu l-eżistenza ta’ kull wieħed minna! Huwa Alla li jagħtina l-ħobż għal mat-triq lejn il-milja, lejn l-eternità, lejn id-dawl. Huwa Alla li jsir ħobż. Huwa ħobż li għandu l-ħila jgħaqqadna. Huwa l-ħobż li hu preżenza ta’ Alla. Din hi l-Ewkaristija. Mhijiex problema ta’ lingwa jew ta’ rit, iżda ta’ fidi. Tabilħaqq: ikun mitt darba aħjar jekk il-laqgħat tagħna jkunu aktar akkoljenti, jekk fihom jitkantaw innijiet isbaħ u aktar intonati, u jekk il-knejjes tagħna jkunu tabilħaqq imkejjen li jilqgħuk u jgħinuk terfa’ ħarstek ’il fuq. Iżda ma nitqarrqux: dik li għadha nieqsa mil-liturġiji tagħna hija ċ-ċertezza li l-Mulej hu preżenti. M’hemmx fidi.