Ħamis ix-Xirka A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej - Sena A
JUM TA’ TIFKIRA
 
L-Għid, festa Lhudija, ifakkar lil-Lhud u lilna fil-ħelsien tal-poplu ta’ Alla mill-jasar tal-Eġittu. Dan il-ħelsien seħħ bil-ħidma ta’ Alla li għamel għeġubijiet kbar biex jeħles lill-poplu tiegħu u jqabbdu t-triq lejn l-Art l-Imwiegħda. Iżda Alla mal-ħidma tiegħu ried isieħeb ukoll dik tal-bnedmin biex huma wkoll jagħtu s-sehem tagħhom. F’din is-silta mill-Eżodu nsibu n-normi kollha mniżżlin bir-reqqa li l-Lhud kellhom iħarsu biex iħallu lill-Mulej jeħlishom minn dar il-jasar u jagħmilhom poplu ħieles b’Alla nnifsu bħala mexxej. L-aktar parti importanti taċ-ċerimonjal kienet dik tad-demm tas-sagrifiċċju li hu s-sinjal tal-patt li Alla għamel mal-poplu tiegħu. Id-demm kellu jintraxx fuq il-ġnub u l-blata tal-bibien tad-djar, biex dan “ikun sinjal tagħkom fuq id-djar fejn tkunu, u jien xħin nara d-demm nibqa’ għaddej, u ebda marda ma tiġi teqridkom.” Illum aħna wkoll qegħdin infakkru t-twaqqif ta’ żewġ sagramenti kbar: l-Ordni u l-Ewkaristija, li hi s-sagrifiċċju tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej Ġesù, li minn fuq is-salib ħariġna mill-jasar tad-dnub u ressaqna lejn dar il-ħelsien, ir-rabta tagħna, flimkien miegħu, ma’ Alla l-Missier. Niftakru li Ġesù ma kienx kuntent biss li jxerred Demmu l-għażiż għalina, iżda sar l-ikel tagħna biex bih minn din id-dinja stess induqu l-hena tas-sema.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content