Ħamis ix-Xirka - Sena A
IR-RIGAL TAL-AĦĦAR
Hekk tibda l-Passjoni, b’dak il-ġest sempliċi, mimli bl-imħabba, intimu, taċ-ċena bejn il-ħbieb. Hija ċena tal-Għid, festa li tieħu t-tifsira profonda tagħha mill-ħelsien. Ġesù jaf dak li sa jiġri, jaf li quddiemu hemm l-aħħar telgħa, l-aktar waħda iebsa. Ma għandux ħlief mod wieħed biex juri lill-bnedmin il-verità profonda ta’ dak li sa jagħmel: jingħata, iħalli d-dlamijiet juru qawwiethom, id-dnewwa tagħhom. Jazzarda, jirriskja. Sa jifhmu l-bnedmin quddiem dal-ġest, dil-mewt, dad-demm? Sa jifhmu jew sa jibqgħu mgħaddbin b’qalbhom magħluqa? Qalb Kristu tinsab inkwetata iżda determinata: jaf tajjeb sa fejn irid jasal u hekk sa jagħmel. Dik iċ-ċena, għalhekk, issir l-aħħar mod ta’ kif jidher, l-addijo, ir-rigal tal-aħħar. Illum il-Knisja tassisti, mistagħġba, għat-twaqqif tal-Ewkaristija u għar-rigal tas-saċerdozju. Illum il-Knisja, b’radd ta’ ħajr, tixteħet quddiem l-Imgħallem tagħha li jingħata bl-imħabba, li jerħi ruħu fid-dalma biex idawwalha għal dejjem. Illum Alla jingħata.