Ħamis ix-Xirka - Jum il-Mulej

Title
Go to content
FIL-KAMRA TA' FUQ
+ Mons. Enrique Balzan
Isqof Awżiljaru ta’ La Serena u Isqof Titulari ta’ La Imperial, iċ-Ċilì

Meta naħseb fil-jum ta’ Ħamis ix-Xirka, nibda nistħajjel ix-xena ‘fil-kamra ta’ fuq’ fejn Ġesù kien qal lill-appostli jħejjulu biex jieklu l-Ikla tal-Għid. Nistħajjel li qiegħed hemm, inħares. L-appostli ħasbu li kienet sa tkun ikla tal-Għid bħal drabi oħra, skont ir-riti li kienu mdorrijin bihom il-Lhud. Kienet festa importanti ħafna għalihom. Imma sa mill-bidu tal-ikla, Ġesù beda mhux bħas-soltu. Beda biex jaħslilhom riġlejhom. Dak ma kienx xogħlu! Ħadd ma tkellem. Ħadd ma fehem. Meta kien imissu Pietru ma riedx li Ġesù jaħsillu riġlejh. Imma Ġesù kkonvinċieh. L-ispjega li tahom ma tantx niżlitilhom. Minn issa ’l quddiem iridu jaqdu lil xulxin! Bħalma qdihom hu. Tgħid mhux hekk?! Komplew l-ikla. Iva, Ġesù kien jidher ħosbien, kliemu mimli mħabba u spiritwali aktar mis-soltu, qisu kien qed ikellimhom tal-aħħar. Imma ħadd ma staqsieh xejn.

Ġesù ħawwadhom waħda sew meta qalilhom li wiehed minnhom kien sa jittradieh! Min hu? Ma qalilhomx ċar u tond. U kulħadd beda jwaħħal f’kulħadd. Pietru pprova jistaqsi lill-Ġwanni, għax kien mixħut ħdejn Ġesù. Imma lanqas dan ma fehem. Ġuda, bil-laqam ‘l-Iskarjota’, staqsieh jekk kienx hu. Dan Ġuda donnu kellu l-faħam miblul. Pietru xtaq jagħmillu kuraġġ lil Ġesù u qallu li jiġri x’jiġri, hu dejjem sa jkun miegħu. Aħjar ma fetaħ ħalqu xejn! Ġesù qallu li hu wkoll kien sa jiċħdu dak il-lejl. L-appostli aktar tħawdu.

Imbagħad Ġesù f’nofs l-ikla ħa l-ħobż u qalilhom li minn dakinhar ’l quddiem dak huwa Ġismu u bl-inbid qalilhom li dak huwa Demmu. Imma din mhux tas-soltu! Fl-ebda ikla tal-Għid tal-Lhud ma jingħad dan il-kliem. X’inhu jgħid l-Imgħallem? Xi tagħlim ġdid. Dejjem hekk, xi ħaġa ġdida li ma jifhmuhiex mill-ewwel. Forsi aktar ’l quddiem jispjegalhom aħjar. Sadattant, ikomplu jieklu u jixorbu bil-kwiet.

Wara l-ikla marru fil-ġnien taż-żebbuġ. Kellhom nagħas kbir. Naħseb l-effett tal-inbid. Qalilhom biex jitolbu miegħu. Imma ma felħux. Raqdu diversi drabi u Ġesù b’qalbu maqsuma staqsiehom kif ma felħux jishru miegħu. F’daqqa waħda wasal Ġuda bil-pulizija miegħu u f’kemm ili ngħidlek arrestaw lil Ġesù. Pietru silet is-sejf! Imma Ġesù rrabja miegħu. Kulħadd dabbar rasu. Ġesù baqa’ waħdu. U ħaduh ’l hemm.

ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content