Ħamis ix-Xirka Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Ħamis ix-Xirka

ALLA JGĦAMMAR F’RIĠLEJN IL-BNIEDEM
Darba, waqt kwiżż ta’ teoloġija, waħda mill-istudenti tiegħi ħallietni bla kliem meta, hi u tikkummenta l-Vanġelu tal-ħasil tar-riġlejn, kitbet dan il-kliem li jqanqal: «Hawn Ġesù wieġeb il-mistoqsija tal-ewwel dixxipli li kienu staqsewh: “Mgħallem, fejn tgħammar?”» Alla jgħammar f’riġlejn il-bniedem. U min qatt seta’ jew azzarda jaħsbu dan? L-Aktar Għoli jinżel. Nistgħu nfittxuh fil-ħwejjeġ għoljin, fir-raġunamenti għoljin u f’livelli merfugħin, iżda ma nsibuhx jgħammar hemm! Anzi, hemm, Alla ħaj u veru qatt ma għammar. Fi Kristu, Alla wriena li l-kobor tiegħu tidher fiċ-ċokon tiegħu, l-għoli tiegħu jidher fl-inżul tiegħu u l-milja u l-glorja tiegħu jidhru fil-“kenosi” tiegħu, fl-iżvojtar tiegħu biex jimliena bih. Nieqfu fis-skiet u naduraw quddiem din ir-rivelazzjoni. In-nar niżel fl-għollieq fqajjar tagħna. Il-Ħobż tas-Sema sar ikel tal-art. Alla miel – bilkemm nifilħu ngħiduh dan – quddiem il-ħliqa tiegħu. Mhijiex umiljazzjoni, hi umiltà. Dan hu l-veru kobor. Hu l-kobor ta’ Alla.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content