Ħamis ix-Xirka Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Ħamis ix-Xirka - Sena Ċ
“KIF GĦAMILT JIEN, HEKK AGĦMLU INTOM UKOLL”
 
San Ġwann juri li l-Imgħallem Ġesù, li hu l-Mulej, ġie fid-dinja mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi. Għalhekk l-Evanġelista jorbot l-Ewkarisija, li lanqas biss isemmiha, mal-imħabba prattika, għax jekk l-Ewkaristija tibqa’ biss ċelebrazzjoni li ssir b’sensiela ta’ ċerimonji ma tkun tfisser xejn. Iżda l-imħabba ewkaristika trid tidher fil-ħajja ta’ kuljum tan-Nisrani fil-mod kif jaqdi lill-aħwa bħalma sewwasew qdiehom Kristu bit-tagħlim, bil-mirakli, bit-twaqqif tal-Ewkaristija u bil-passjoni u l-mewt tiegħu fuq is-salib. B’hekk seħħet l-opra tal-fidwa. Ġwanni jirrakkonta kif, waqt l-ikla, Ġesù dar wieħed wieħed l-Appostli, li kienu madwar il-mejda miegħu, u ħasel ir-riġlejn ta’ kull wieħed minnhom. Diġà l-ikel flimkien minn mejda waħda huwa sinjal ta’ intimità, iżda dan is-sinjal tqawwa aktar bil-ħasil tar-riġlejn. Il-miżżewġin friski meta jidħlu fid-dar biex jgħammru fiha flimkien, l-ewwel ħaġa kienu jaħslu riġlejn xulxin b’sinjal ta’ intimità (issa saru ġisem wieħed) u ta’ qadi lil xulxin. B’dan il-ġest Ġesù wera li issa kien sar l-għarus ta’ dawk li jagħrfuh. Il-ħasil tar-riġlejn kien xogħol tal-ilsiera. L-ilsir malli jidħol is-sid fid-dar l-ewwel ħaġa kien jaħsillu riġlejh. B’dan il-ġest Ġesù wera li b’dak kollu li għamel u li kien sa jagħmel kien sar qaddej tal-bnedmin.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content