Ħamis ix-Xirka
ĦABBHOM SAL-AĦĦAR
L-aħħar sigħat. L-aħħar lejl. L-aħħar kelmiet. L-aħħar ġesti. Jibda t-Tridu tal-Għid, il-jiem ċentrali tal-mixja tal-fidi tagħna. Aħna ħejjejna ruħna f’dawn l-aħħar ġimgħat biex nilqgħu l-wiċċ veru ta’ Alla ta’ Ġesù u nduru lejh. Fittixna li nħallu l-Kelma tisfidana, li tneħħilna s-saff trab li sikwit jifga l-fidi ċkejkna tagħna. Issa biżżejjed, m’hemmx aktar ħin. Issa noqogħdu bilqiegħda u nħarsu. Ejjew nidħlu u nintlaqtu b’dak li ġara. U li dejjem jerġa’ jiġi u jingħax. Ġesù wasal fi tmiem il-ministeru tiegħu bil-għarfien ċar li l-missjoni tiegħu falliet. Il-ġmiegħi tal-Galilija jinsabu mili ’l bogħod. Hawn f’Ġerusalemm Ġesù laqqat biss polemiki u nuqqas ta’ fiduċja. U anki ħbiebu, id-dixxipli l-aktar fidili tiegħu, jinsabu ’l bogħod milli jifhmu x’inhu jiġri. Ġesù mela, ħieles għalkollox, jaqtagħha li jibqa’ sejjer sal-aħħar, li jibqa’ għaddej dritt, li jissogra. Sal-aħħar. Sat-tmiem, ħabbhom sal-aħħar, jikteb Ġwanni. Hekk bdew iċ-Ċena, it-talb billejl, l-arrest. Ħaġa waħda biss, għeżież qarrejja: ibqgħu hawn.