Ħadd il-Palm Ċ
KRISTU SULTAN
Is-silta turina li Ġesù tela’ lejn Ġerusalemm minn jeddu u b’determinazzjoni u rieda qawwija biex hemm jagħti ħajtu għalina u jmut fuq is-salib. Iżda qabel ma jibda d-dramm tal-passjoni, hu ried juri li hu l-Messija. B’mod misterjuż li juri li hu kien jaf minn qabel x’kien sa jseħħ, bagħat id-dixxipli qablu biex iħejjulu. Riedhom jagħżlu felu, mhux żiemel, biex jidħol riekeb fuqu f’Ġerusalemm. Iż-żiemel jirkbu gwerrier qawwi, iżda hu ried juri li hu Messija sofferenti, u għalhekk f’dak li kien sa jagħmel kellha ssaltan l-umiltà. B’danakollu l-laqgħa li għamlitlu l-ġemgħa kienet laqgħa ta’ sultan: “Imbierek is-sultan li ġej f’isem il-Mulej!” Huwa s-sultan tas-sliem: “Sliem fis-sema, u glorja fl-ogħla smewwiet!” Dik il-wirja ta’ trijonf bilfors kellha ssir, għax kif qal il-Mulej stess: “Ngħidilkom li jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel.” Alla jaf jagħmel ulied saħansitra mill-ġebel.