Ħadd il-Għid Ċ
IL-BXARA T-TAJBA TIXXANDAR LILL-PAGANI
Dan hu l-qofol tad-diskors ta’ Pietru f’dar Kornelju ċ-ċenturjun. Diskors bħal dan teknikament jissejjaħ “kerygma”, l-ewwel predikazzjoni li xxandar il-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt, li hu l-prova li hu l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem u għalhekk hu Mulej u Salvatur. Il-messaġġ tal-ġrajja ta’ Kornelju hu li s-salvazzjoni li ġab il-Mulej hi miftuħa għal kulħadd, anki għal dawk li mhumiex Lhud. Il-punti ewlenin tal-kerygma huma:
(1) il-konsagrazzjoni ta’ Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu s-Santu;(2) il-ħidma tiegħu ta’ fejqan u ħelsien mix-xitan;(3) il-mewt vera tiegħu fuq is-salib u l-qawmiem veru tiegħu mill-mewt;(4) ix-xhieda li raw b’għajnejhom u messew b’idejhom lil Kristu Rxoxt u l-missjoni tagħhom li jxandruh rebbieħ fuq id-dnub u l-mewt.