Ħadd il-Għid - Sena Ċ
QUDDIEM ĦAĠA ĠDIDA
“In-nisa jmorru ħdejn il-qabar biex iwettqu ġest ta’ mħabba ... Kienu mxew wara Ġesù, semgħuh, ħassewhom mifhuma fid-dinjità tagħhom u mxew miegħu sal-aħħar ... Nistgħu nimmaġinaw is-sentimenti tagħhom huma u mexjin lejn il-qabar ... Imma fin-nisa baqgħet ħajja l-imħabba. U hawn isseħħ xi ħaġa ġdida li tħawwadhom: jaraw il-ġebla mgerrba minn quddiem il-qabar, jersqu qrib, u l-ġisem tal-Mulej ma jsibuhx. Dan il-fatt iħallihom mifxula, kollha mistoqsijiet: ‘X’qed jiġri?’ ‘X’sens għandu dan kollu?’“
PAPA FRANĠISKU, Omelija, 30 Marzu 2013
- Lil Alla nħallih jissorprendini?
- U x’nagħmel jien quddiem is-sorpriżi tiegħu?
Mulej,
meta xi ħaġa tassew ġdida sseħħ fil-ħajja tagħna nieqfu, ma nifhmuhiex,
ma nkunux nafu kif naffrontawha.
Għax il-ġdid spiss ibeżżagħna,
anki l-ġdid li jġibilna Alla,
il-ġdid li jitlob minna Hu.
Spiss inkunu għajjiena, delużi, imdejqa,
inħossu l-piż ta’ dnubietna,
naħsbu li m’aħniex se naslu.
Imma l-Qawmien tiegħek mill-mewt, Mulej,
jibqa’ għal kull żmien il-garanzija ta’ verità
li nitolbuk li qatt ma nneħħu minn quddiemna:
li m’hemmx sitwazzjonijiet li Alla ma jistax jibdel,
li m’hemm l-ebda dnub li hu ma jistax jaħfer,
jekk aħna ninfetħu għalih.
X’ma nakkumpanjawkx, Mulej!