Ħadd il-Għid - Sena Ċ
PREŻENZA LI TILĦAQ KULL BNIEDEM
Kollox beda minn dik il-ġirja. Dak il-qabar vojt, l-aħħar rigal drammatiku mogħti lil Ġesù min-naħa tad-dixxiplu Ġużeppi ta’ Arimatija, għani u setgħani, li ma setax isalva lill-Imgħallem mill-mewt, baqa’ hemm, vojt, xhud sieket tal-qawmien.
Il-qabar għadu hemm: bnew fuqu bażilka kbira, ilu post ta’ pellegrinaġġi elf sena u nofs, kien hemm min ried jeqridha, biċċa biċċa, minħabba l-ġenn ta’ sultan, Akim il-miġnun, li – ħaġa ċara – ma kienx jaf il-Qur’ân. Illum il-qabar jinsab miksi bl-irħam, maqsum u kkuntestat (dgħufija tal-bnedmin) bejn elf denominazzjoni Nisranija li lkoll jgħidu li hu tagħhom, imorru jżuruh kuljum eluf ta’ pellegrini devoti jew distratti. Ftit jimporta. U hemm, dak il-qabar, jinsab sewwasew fejn sabuh Pietru u Ġwanni. U għadu vojt. Il-fidi kollha tagħna hija msejsa fuq in-nuqqas tal-mejjet fih. Il-mewt ingħelbet. Alla għarwien, imdendel, mikxuf, jidher, Alla megħlub u meqrud, Alla mqiegħed fuq blata kiesħa ma għadux hawn, qam! Qam! Mhux reġa’ ġie f’tiegħu, lanqas ħaj fit-tifkiriet tagħna li jerġgħu jitfakkru għall-faraġ tagħna. Ġesù hu dak li hu dejjem preżenti. Jinsab hawn. Ma mmorrux niġru wara ħrejjef u illużjonijiet iżda wara preżenza li tilħaq lil kull bniedem. Preżenza fina, ġdida, qawwija li r-ruħ biss tista’ tħossha. Minn elfejn sena Pietru u Ġwanni u l-oħrajn jibqgħu jwasslulna l-aħbar: Ġesù qam mill-mewt! U aħna nilqgħu din l-aħbar u niċċelebraw ir-rebħa ta’ Alla fuq il-mewt.